Duration 3:30

L-IMF JIRREVEDI ’L FUQ IT-TBASSIR EKONOMIKU

227 watched
0
4
Published 22 Jul 2021

ONE.COM.MT • It-tbassir ekonomiku għal Malta ġie rivedut ’il fuq għal din is-sena u anki għas-sena d-dieħla. Din id-darba mill-Fond Monetarju Internazzjonali li f’rapport pożittiv fuq il-qagħda ekonomika ta’ Malta nnutaw ir-rispons f’waqtu tal-Gvern waqt pandemija. Fi kliem l-esperti tal-IMF, magħruf li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, Malta għandha tibqa’ pijuniera f’oqsma diġitali u ambjentali. KITBA EDWARD MONTEBELLO FILMAT ARKIVJI Il-Fond Monetarju Internazzjonali rreveda ’l fuq it-tbassir ekonomiku għal Malta. F’analiżi ekonomika fuq pajjiżna, l-esperti tal-IMF qed jistmaw li sa tmiem din is-sena, il-ġid nazzjonali se jikber b’5.8%. Din ir-reviżjoni ’l fuq hija saħansitra akbar minn dik li għamlu l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea. Intant għas-sena d-dieħla l-Fond Monetarju Internazzjonali qed ibassar li l-ekonomija Maltija se tikber b’6% Dan it-tbassir huwa nofs perċentwal iżjed minn dak imbassar qabel. Dwar l-irkupru mill-pandemija, l-IMF innota r-rispons tal-Gvern Malti biex jilqa’ għall-impatti li ġabet l-imxija tal-Covid-19. R Fil-fatt hawn jissemma kif permezz ta’ bosta miżuri fosthom anki tal-moratorju u differiment tat-taxxa, bosta negozji baqa’ jkollhom il-likwidità. F’dan il-kuntest l-IMF ħeġġeġ lill-Gvern biex malli tgħaddi l-pandemija jerġa’ jibni r-riżorsi fiskali tal-pajjiż biex ikollu dak magħruf bħala war chest u jsostni miżuri oħra li bihom ikun ta’ spalla għan-negozji u l-familji. Ir-rapport tal-IMF faħħar ukoll il-programm ta’ tilqim ta’ pajjiżna u nnota kif il-fiduċja tal-familji u n-negozji diġà laħqet il-livelli ta’ qabel il-pandemija. Waqt li nnutaw numru ta’ fatturi li jistgħu jaffettwaw ir-rata ta’ rkupru, l-esperti tal-IMF urew li kontra dawn hawn domanda domestika ferm qawwija. L-esperti internazzjonali ħeġġew lill-Gvern biex filwaqt li jibda jagħmel tapering ta’ xi miżuri ta’ sostenn, jaqleb miżuri oħrajn fi programmi li jgħinu fit-tkabbir sostennibli tal-ekonomija Maltija. L-IMF ħeġġeġ ukoll lill-Gvern biex ma joqgħodx lura milli jgħin in-negozji fejn ikun meħtieġ. F’dan il-kuntest fi stqarrija l-Gvern innota rapport pożittiv ieħor fuq il-qagħda ekonomika ta’ Malta u qal li għalkemm kelliema tal-Oppożizzjoni jgħidu li l-Gvern m’għandux pjan fiskali u ekonomiku, l-esperti tal-IMF jgħidu li jaqblu mal-istrateġija tal-Gvern, speċjalment fil-qasam tal-infrastruttura. Fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus, l-IMF jinnota wkoll li dan l-aħħar, l-awtoritajiet Maltin għamlu progress fit-tisħiħ fil-qafas regolatorju kontra l-ħasil ta’ flus u l-frodi. L-esperti tal-IMF ħeġġew lill-Gvern biex jimplimenta l-pjan t’azzjoni maqbul mal-FATF. Dan filwaqt li sostnew li pajjiżna għandu jkompli jsaħħaħ il-governanza. Same as above Fl-aħħarnett, l-esperti internazzjonali laqgħu d-diversi strateġiji li qed joħroġ bihom l-Gvern biex pajjiżna jwettaq il-qalba diġitali u ambjentali. Huma sostnew li Malta għandha tibqa’ fost il-pajjiżi pijunieri fl-Ewropa fil-qasam diġitali, filwaqt li laqgħu l-pjan biex pajjiżna jnaqqas l-emissjonijiet. Fi kliemhom, id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni ta’ pajjiżna huma l-aqwa garanzija ta’ tkabbir akbar u aktar sostenibbli. Fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dan iċ-ċertifikat pożittiv u fissru bħala vot ieħor ta’ fiduċja fl-ekonomija ta’ Malta. Qal li l-Fond Monetarju Internazzjonali faħħar ir-rispons f’waqtu tal-Gvern Malti u r-riformi li saru favur aktar governanza. Dan filwaqt li fi stqarrija l-Gvern qal li r-rapport tal-IMF jikkonferma d-determinazzjoni li tinbena prosperità ġdida għal pajjiżna frott riformi progressivi kontinwi.

Category

Show more

Comments - 1